Tnax il-mistoqsija – Int biss tista’ twieġeb

Kollox jiddependi minnek jekk int tridx  tipprova l’ AA – tara jekk tistax tghinek jew le.
 

Aħna membri tal – A.A., wasalna hawn minħabba li qtajna qalbna milli qatt nistgħu nsibu tarf  tal- problema tax-xorb tagħna.  Dejjem iddejjaqna u ħrabna milli nammettu li x-xorb ma jgħoddx għalina. Wasal il-waqt meta smajna membri tal – A.A. jgħidu li aħna nsofru minn marda. (Fil fatt aħna konna ilna naħsbu hekk għal żmien twil!) Sirna nafu li bħalna ħafna mill-membri kienu jsofru taħt it- toqol tal- ħtija,  jħossu ruhom waħedhom u kienu qatgħu qalbħom minħabba il-ħajja li kienu qed jgħixu. Għarafna li dawn is-sintomi kienu kollha minħabba l-marda tal alkoħoliżmu. Ħadna deċiżjoni li nqumu fuq saqajna u ngħarfu l-ħsara li l-alkoħoliżmu kien għamlilna. F’din il-paġna għandek isib xi ftit mill-mistoqsijiet li b’onesta staqsejna lilna nfusna. Jekk ir-risposta tagħna għal-erbgħa jew aktar minn dawn il-mistoqsijiet kienet iva,  mela kellna problema kbira tax-xorb żejjed.  Għax ma tippruvax tagħmel dan l-eżerċizzju int ukoll. Ftakar li m’għandu jkollok lebda mistħija jekk int tiddeċiedi li għandek problema tax-xorb.

 
Wieġeb Iva jew Le għal dawn il-mistoqsijiet.
 

1 –Qatt iddeċidejt li tieqaf mix-xorb għal xi ġimgħa iżda ma żammejtiex? Il-biċċa il-kbira minna, għamilna ħafna wegħdiet magħna nfusna u lill-qraba tagħna.  Qatt ma rnexxiielna nżommuhom. Imbagħad gejna għand l –A.A..  Tal-A.A. qalulna “ Ipprova tixrobx imqar għal-llum biss”. (Jekk ma tixrobx illum, ma tiskirx illum.)
Iva Le

2 –Tixtieq li n-nies ma joqogħdux jindaħħlulek fejn jidħol ix-xorb? Tal-A.A. ma jgħidu lill-ħadd x’għandu jagħmel.  Nitkellmu biss fuqna nfusna u naqsmu ma xulxin il-problemi li x-xorb żejjed kien qed joħolqilna u kif rnexxielna nieqfu.  Aħna lesti li ngħinuk jekk inti trid.

Iva Le

3 –Qatt qlibt minn xorb għall-ieħor bit-tama li dan ma jsakkrekx?  Ippruvajna minn kollox biex nieqfu.  Nħalltu x-xorb  ma xarbiet oħra mhux alkoħoliċi, nixorbu birra biss,inkella xi ‘cocktail’. Imbagħad ippruvajna billi nixorbu fi tmiem il-gimgħa biss.  Semmi li trid, għaddejna minn kollox.  Kull darba li ħadna  xi xarba li fiha l-alkoħol, kważi dejjem spiċċajna fis-sakra.

Iva Le

4 –Xrobt l-ewwel haġa filgħodu minn sena l hawn? Tħossok tirtogħod jew tħoss il-ħtieġa li tixrob l-ewwel ħaġa filgħodu?  Dan ħuwa kważi dejjem sinjal li inti ma tixrobx biss biex tkun soċjevoli.

Iva Le

5 –Tgħir għal dawk li jistgħu jixorbu bla ma jiġu fl-għawġ? Xi darba jew oħra , ħafna minna staġibna kif ma konniex kapaċi daqs nies oħra li meta  jixorbu  jafu meta għandhom jieqfu.

Iva Le

6 –Kellek xi problemi li għandhom x’jaqsmu max-xorb minn sena ‘l hawn? Kun onest miegħek innifsek.  It-tobba jgħidu li jekk għandek problema tax-xorb żejjed u tibqa ħekk, il-ħajja għalik issir agħar – qatt aħjar.   Fl-aħħar tispiċċa mejjet jew inkella dieħel u ħiereg l-isptar għomrok kollhu.  Għażla waħda għandek – li twaqqaf ix-xorb għal kollox.

Iva Le

7 –Ix-xorb tiegħek qala’ għawġ id-dar? Qabel dħalna fl- A.A., konna ngħidu li nixorbu minħabba problemi d-dar inkella minħabba xi ħadd.  Ma konniex għarafna li bix-xorb konna qed nagħmlu iżjed ħsara lilna nfusna.  Ix-xorb qatt u mkien ma setgħa jneħħi l-problemi tagħna.

Iva Le

8 –Qatt tipprova tieħu xorb ‘extra’ f’xi party għax ma tkunx ħadt biżżejjed? Ħafna minna konna nixorbu qabel noħorgu  għal xi festin.  Kif ukoll jekk  filpost ma jkunxhemm xorb biżżejjed, konna nfittxu x’imkien ieħor fejn stajna nixorbu iżjed.

Iva Le

9 –Tgħid lilek innifsek li tista’ tieqaf mix-xorb meta trid avolja tibqa’ tisker bla ma trid? Konna qegħdin nidħku bina nfusna meta ħsibna li konna nixorbu meta rridu aħna biss.  Wara li dħalna fl- A.A., għarafna li ladarba ħadna l-ewwel  xarba, ma stajniex nrażżnu l-leblieba għax-xorb.

Iva Le

10 –Tlift xogħol minħabba x-xorb?  Konna nfallu x-xogħol u nirrapurtaw li morda meta fil-fatt inkunu għadna taħt l-infuwenza tax-xorb,  inkella fis-sakra.

Iva Le

11 –Ġieli tinsa għal kollox dak li ġara waqt li kont xurban? Iżjed ma wieħed jixrob jibdew jiġu granet meta ma nkunux nistgħu niftakru xejn minn dak li nkunu wettaqna meta konna fis-sakra.  Fl- A.A. għarafna li din l-esperjenza tfisser biss u żgur li aħna alkoħoliċi.

Iva Le

12 –Qatt ħassejt li jekk ma tixrobx tgħix ħajja aħjar? Ħafna minna konna nixorbu biex nħossuna  aħjar, talanqas għal ftit ħin.  Sa ma wasal iż-żmien li ħassejna li konna maqbudin f’morsa u dorna għal A.A.  Konna qed nixorbu biex ngħixu u ngħixu biex nixorbu.  Sirna għajjiena u morda u ma stajniex nifilħu ghal din is-sitwazzjoni iżjed.

Iva Le

Agħraf jekk ir-risposta tiegħek għal erbgħa jew iżjed mill-mistoqsijet hija ‘Iva’.  Jekk hu hekk, hemm ċans li għandek problema tax-xorb.  Xi jġiegħlna ngħidu ħekk? Għaliex eluf ta membri fl- A.A. jgħidu l-istess ħaga?   Saru jafu lilhom infushom billi għaddew minn triq tassew iebsa.  Nerġgħu ntennu li INT BISS għandek tagħraf jekk l-A.A. tistax tgħinek.   Żomm ħsibijietek ċari fuq dan is-suggett.  Jekk trid,  aħna lesti li nuruk kif irnexxielna negħlbu l-problema tax-xorb.  Ikkunttatjana ! L-A.A. ma twegħdekx soluzzjoni għall- problemi kollha tal-ħajja.   Imma aħna nistgħu nuruk kif qed ngħixu ħajja mingħajr xorb, pass, pass ,gurnata wara l-oħra. Inżommu l’ bogħod milli naqgħu għall-ewwel ‘drink’. Jekk mhemmx l-ewwel ‘drink’ mhemmx għalfejn naslu għall-għaxar waħda.   Malli ħlisna mill-problemi tax-xorb,   sirna ngħixu ħajjitna aħjar minn qatt qabel.

Meħud u maqlub għal-Malti  © 1973  ‘A.A. World Serviċes, Inċ.