Ftit ferm kienu dawk li ma rnexxewx meta mxew għalkollox fl-istess triq li mxejna aħna. Dawk li ma jiqfux mix-xorb huma dawk li  jew ma jistgħux jew ma jridux jintefgħu b’ruħhom u ġisimhom fuq dan il-programm sempliċi. Ħafna drabi dawn ikunu nisa u rġiel li minnhom stess ma jistgħux ikunu onesti magħhom infushom. Hawn nies daqshekk xortihom ħażina. Mhux tort tagħhom; donnu n-natura ma tathomx ħila biżżejjed biex jgħixu ħajja li titlob onestà bla tlaqliq. Ftit huma li jrnexxu meta jkunu hekk. Hemm ukoll dawk lii jsofru minn difetti emozzjonali u/jew mentali serji, iżda ħafna minn dawn ifiequ jekk ikollhom il-ħila jkunu onesti.

L-istejjer tagħna juru b’mod ġenerali kif konna, x’ġara u kif aħna issa. Jekk iddeċidejt li trid dak li nistgħu nagħtuk u lest tagħmel minn kollox biex tassal għalih mela lest biex tieħu ċerti passi.

Xi ftit minn dawn qatgħulna qalbna. Ħsibna li stajna nsibu mod eħfef u iżjed komdu, iżda ma stajniex. Bil-ħerqa kolla li għandna nitolbuk tibda mill-ewwel bil-kuraġġ kollu u bis-serjetà kollha. Uħud minna ppruvaw jibqgħu marbutin ma l-ideat ta’ qabel, iżda ma ħadna xejn qabel ma ċedejna għalkollox.

Ftakar li qed inħabbtu wiċċna ma’ l-alkoħol: qarrieqi, iħawdek u b’saħħtu. Jekk ma jkollniex l-għajnuna ma nagħmlu xejn miegħu. Hemm minn għandu s-setgħa kollha meħtieġa, u dan hu Alla. Jalla int issibu issa!

Meta kellna nofs ħajra ma wasalna mkien. Konna wasalna f’mument kruċjali. Tlaqna ruħna għalkollox f’idejn Alla u tlabnieh jieħu ħsiebna.

Biex waqafna ħadna dawn il-passi, u dan hu programm li nissuġġerixxu għall-waqfien mix-xorb:

    1. Ammettejna li l-alkoħol kien rikibna – li ma stajniex iżjed immexxu ħajjitna.

    2. Wasalna biex emminna li hemm Setgħa aqwa minna li stegħet iġġibna f’sensina.

    3. Ħadna deċiżjoni li nerħu r-rieda u l-ħajja tagħna biex jieħu ħsiebha Alla, kif jemmen fiħ kull wieħed minna.

    4. Fittixna bla biża’ biex insibu x’għandna ħażin u x’għandna tajjeb fil-karattru tagħna.

    5. Ammettejna ma’ Alla, magħna nfusna u ma’ bniedem ieħor x’kien eżattament il-ħażin fina.

    6. Konna lesti nħallu ‘l Alla jneħħi dawn id-difetti tal-karattru tagħna.

    7. Bl-umiltà tlabna ‘l Alla biex jeqred in-nuqqasijiet tagħna.

    8. Ħsibna f’dawk kollha li għamilnielhom ħsara, u konna lesti biex insewwu l-ħsara li għamilnielhom.

    9. Irranġajna kull fejn stajna l-ħsara li għamilna, ħlief meta dan seta’ jkun ta’ ħsara akbar.

    10. Bqajna naraw x’qed nagħmlu tajjeb u x’qed nagħmlu ħażin, u meta konna fil-ħażin ammettejna mill-ewwel.

    11. Fittixna li bit-talb u l-meditazzjoni nersqu iżjed lejn Alla, kif jemmen fih kull wiieħed minna, u tlabna biss li nagħrfu x’ried minna u li jgħatina l-qawwa biex nagħmlu r-rieda tiegħu.

    12. Wara li bis-saħħa ta’ dawn il-passi kellna qawmien spiritwali, ippruvajna ngħaddu dan il-messaġġ lil alkoħoliċi oħra, u ħaddimna dawn il-prinċipji f’dak kollu li għamilna.

Ħafna minna qalu: “X’biċċa xogħol iebsa! Ma nafx kif nista’ nasal!” Taqtax qalbek. Ħadd minna ma kien perfett fiż-żamma ta’ dawn il-prinċipji. M’aħniex qaddisin. Li qed ngħidu hu li aħna lesti biex nimxu ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali tagħna.
Dawn il-prinċipji li ffissajna juruna t-triq għall-aħjar. Aħna ma ngħidux li sirna perfetti spiritwalment, iżda li mxejna ‘l quddiem.

Minn dak li għedna fuq l-alkoħoliku, fuq dak li m’għandu l-ebda twemmin reliġjuż u fuq il-ġrajjiet tagħna stess meta konna nixorbu u meta waqafna, joħorġu ċari tlett ideat li wieħed tajjeb jżomm dejjem quddiem għajnejh.

Dawn it-tlett ideat huma:

(a) Li konna alkoħoliċi u ma stajniex immexxu ħajjitna

(b) Li x’aktarx ebda setgħa tal-bniedem ma setgħet teħlisna mill-alkoħoliżmu tagħna

(c) Li Alla jista’ jeħlisna, u jeħlisna jekk infittxuh.

KIF TAĦDEM

HOME     IL-­‐ WEGĦDIET TAL-­‐ AA     KIF TAĦDEM     MEETINGS     7th TRADITION     CONTACT